Impjieg fl-Irlanda
Mistoqsijiet frekwenti
Il-mistoqsijiet l-aktar frekwenti (FAQs) iwieġbu għall-aktar tħassib u mistoqsijiet komuni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 u Jannar 2007 jistgħu jkollhom meta jkunu qed jaħsbu dwar il-possibbiltà li jaħdmu fl-Irlanda. Dawn għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ impjiegi u sigurtà soċjali.
Il-FÁS hi l-Aġenzija Nazzjonali ta’ l-Irlanda għat-taħriġ u l-impjieg. Il-missjoni tagħha hu li żżid l-impjegabilità, it-talenti u l-mobilità ta’ min qed ifittex xogħol u tal-ħaddiema biex jintlaħqu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, u b’hekk tħeġġeġ il-kompetittività u l-inklużjoni soċjali.
- X’inhuma l-ismijiet ta’ l-Istati Membri ġodda?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda jeħtieġu permess tax-xogħol biex jaħdmu fl-Irlanda?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini Irlandiżi?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom id-dritt li jirreġistraw mal-FÁS għal impjieg?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom aċċess għall-Programmi ta’ Taħriġ u Impjieg tal-FÁS?
- Hemm bżonn li jkollok offerta ta’ xogħol minn qabel tmur l-Irlanda biex tfittex xogħol?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri Membri ġodda jeħtieġu Numru tal-PPS (Servizz Personali Pubbliku/Personal Public Service) meta jirreġistraw mal-FÁS?
- Kif tista’ tikseb numru tal-PPS?
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda huma intitolati għal assistenza soċjali mill-awtoritajiet Irlandiżi?
- Jistgħu ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri jittrasferixxu l-Benefiċċju tal-Qgħad mill-pajjiż oriġinarju tagħhom?
- Liema informazzjoni hi disponibbli f’lingwi oħra Ewropej?
- X’inhuma l-ismijiet ta’ l-Istati Membri ġodda?
F’Mejju 2004 għaxar pajjiżi ġodda (Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka) issieħbu ma’ l-Unjoni Ewropea.
F’Jannar 2007 ir-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu ma’ l-Unjoni Ewropea.
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda jeħtieġu permess tax-xogħol biex jaħdmu fl-Irlanda?
Iċ-ċittadini ta’ l-10 Stati Membri ġodda li ssieħbu ma’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju 2004 m’għandhomx bżonn ta’ permess tax-xogħol biex jaħdmu fl-Irlanda. Huma għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini Irlandiżi u ċ-ċittadini l-oħra kollha ta’ l-Unjoni Ewropea biex ifittxu impjieg fl-Irlanda. Ċittadini Bulgari u Rumeni jibqgħu jkollhom bżonn permess sabiex jkollhom impjieg fl Irlanda. Iżda, dawn il-ħtiġijiet għal permess ta’ impjieg japplikaw biss għall-ewwel tnax-il xahar kontinwu ta’ impjieg fl-Istat. Fit-tmiem dan il-perjodu ta’ tnax-il xahar ċittadin Bulgaru jew Rumen ikun liberu li jaħdem fl-Irlanda bla ħtieġa ta’ permess ta’ impjieg.
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini Irlandiżi?
Iva. Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda li huma impjegati fl-Irlanda għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol bħaċ-ċittadini Irlandiżi.
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom id-dritt li jirreġistraw mal-FÁS għal impjieg?
Iċ-ċittadini ta’ l-għaxar Stati Membri ġodda huma meqjusa bl-istess mod bħaċ-ċittadini l-oħra kollha ta’ l-UE fir-rigward ta’ tfittxija ta’ xogħol, i.e. huma jistgħu jirreġistraw u jingħataw l-opportunità ta’ intervista, gwida u konsulenza biex isibu impjieg, kif ukoll jistgħu jidħlu fil-Website tal-FÁS Jobs Ireland, u japplikaw għal xogħol minnha, kif ukoll jużaw il-kjoskijiet, telefon u gazzetti tal-WATIS mingħajr ħlas, fl-uffiċċji tal-FÁS. Iċ-ċittadini tar-Rumanija u l-Bulgarija se jibqa’ jkollhom bżonn permess tax-xogħol biex jaħdmu fl-Irlanda (eċċezzjoni kif imsemmi fin-numru 2 hawn fuq).
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda għandhom aċċess għall-Programmi ta’ Taħriġ u Impjieg tal-FÁS?
Iċ-ċittadini ta’ l-għaxar Stati Membri ġodda għandhom aċċess għall-Programmi ta’ Taħriġ u Impjieg tal-FÁS sakemm josservaw ċerti kriterji ta’ eliġibilità.
- Hemm bżonn li jkollok offerta ta’ xogħol minn qabel tmur l-Irlanda biex tfittex xogħol?
Le, m’hemmx bżonn li jkollok offerta ta’ xogħol qabel tmur l-Irlanda biex tfittex xogħol.
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri Membri ġodda jeħtieġu Numru tal-PPS (Servizz Personali Pubbliku/Personal Public Service) meta jirreġistraw mal-FÁS?
Iva. Kull min jirreġistra għal impjieg mal-FÁS għandu bżonn ta’ numru tal-PPS.
- Kif tista’ tikseb numru tal-PPS?
Biex taħdem fl-Irlanda, għandek bżonn ta’ Numru tal-PPS Irlandiż. Biex tiksbu, għandek bżonn iżżur l-Uffiċju tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Soċjali lokali (Department of Social Protection). Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ l-applikazzjoni u rekwiżiti, ċempel 01-8748444 jew żur il-websajt www.welfare.ie
- Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda huma intitolati għal assistenza soċjali mill-awtoritajiet Irlandiżi?
Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ġodda li japplikaw għal assistenza soċjali mill-Gvern Irlandiż iridu jissoddisfaw il-Kundizzjoni ta’ Residenza Abitwali. Informazzjoni dwar dan: http://www.welfare.ie/EN/Publications/Pages/hrc_lang.aspx
- Jistgħu ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri jittrasferixxu l-Benefiċċju tal-Qgħad mill-pajjiż oriġinarju tagħhom?
Dawk il-persuni li kienu impjegati f’pajjiż ieħor taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi l-għaxar Stati Membri ġodda, għandhom ikunu intitolati li jittrasferixxu l-benefiċċju tal-qgħad tagħhom, jekk huma eliġibbli, minn dak il-pajjiż għall-Irlanda għal perjodu ta’ tliet xhur. It-trasferiment hu organizzat mill-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali fil-pajjiż taż-ŻEE u d-Dipartiment Irlandiż ta’ l-Affarijiet Soċjali u Familjari.
- Liema informazzjoni hi disponibbli f’lingwi oħra Ewropej?
L-informazzjoni segwenti hi disponibbli:
- Drittijiet tax-Xogħol fl-Irlanda – Informazzjoni f’għaxar lingwi
Id-Dipartiment tal-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Innovazzjoni (Department of Enterprise, Trade and Innovation) għandu informazzjoni dwar id-Drittijiet Legali tal-Ħaddiema fl-Irlanda (Gwida dwar il-Liġi tax-Xogħol fl-Irlanda, Tkeċċijiet Inġusti, Pagament ta’ Salarji, Termini ta’ l-Impjieg, Vaganzi u Btajjel Pubbliċi, eċċ). Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll f’għaxar lingwi: l-Ingliż, iċ-Ċek, l-Ungeriż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, ir-Russu u ċ-Ċiniż. www.deti.ie
- Saħħa u Sigurtà fis-Settur Ortikulturali
Informazzjoni dwar is-Saħħa u Sigurtà fis-Settur Ortikulturali hi disponibbli fil-lingwi segwenti: Ingliż, Latvjan, Pollakk, Litwan u Russu f’ Bord Bia.